1. Ħsieb tat-TMIEN JUM tan-NOVENA
Fr. Nicholas Cachia
Virtù li tispikka fil-qalb ta’ Marija hija l-imħabba: l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-
oħrajn. Qalb li tkun issawwret mill-Ispirtu ta’ Alla ma tistax ma tkunx hekk, għaliex “Alla
huwa mħabba” (1 Ġw 4, 8). U San Pawl igħidilna li huwa l-Ispirtu s-Santu li jsawwab din l-
imħabba fi qlubna (ara Rum 5,5).
Kif iħobb Alla? Billi jingħata, billi jkun hemm għal min iħobb. Hija l-imħabba li hemm fil-
Misteru tat-Trinità Qaddisa, bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Huwa wkoll il-mod ta’
mħabba li bih Alla jħobb lill-bnedmin. Jidher fil-milja tiegħu fuq is-Salib, fejn Alla magħmul
bniedem iħobb sal-aħħar, iħalli li qalbu tkun minfuda b’xabla, biex jurina li qiegħed jagħtina
kollox u li qalbu hija kompletament miftuħa għalina biex nidħlu u ngħammru għandu. Il-Papa
Benedittu XVI, fl-Enċiklika tiegħu Deus Caritas Est, jistedinna sabiex nibdew mill-ġenb
midrud ta’ Ġesù Msallab biex infissru x’inhi l-imħabba. “Meta jibda b’din il-
kontemplazzjoni, in-nisrani jsib it-triq għall-għajxien u għall-imħabba tiegħu” (par. 12).
Min jaf kemm Marija rriflettiet u ħasbet fuq din l-imħabba ta’ Alla? Min jaf kemm-il darba x-
xena tal-ġenb miftuħ ta’ Binha Ġesù telgħet fit-talb tagħha? U hi ħalliet li dan ikun il-mod ta’
mħabba tagħha għal Alla u għall-oħrajn. Hi kienet tipprova tilqa’ din l-imħabba tiegħu b’mod
sħih u twieġeb għaliha b’qalbha kollha. Qatt ħadd ma ħabb lil Alla daqs kemm ħabbitu
Marija. Qalbha, ħajjitha, ir-realtà kollha tagħha kienet mixgħula b’din l-imħabba. Kollox kien
immarkat minn din l-imħabba. Kollox kien għas-servizz ta’ din l-imħabba. Kull ġest, kull
kelma ta’ Marija kienu xhieda ta’ din l-imħabba tagħha lejn il-Mulej, Alla tagħha.
Il-Kantiku tal-Magnificat, Ruħi tfaħħar il-Kobor tal-Mulej, jurina li fil-qalba ta’ ħajjitha
kollha poġġiet lil Alla u l-imħabba tiegħu. Iċ-ċentru ta’ dan il-kantiku nsibuh f’dik l-istqarrija
ta’ Marija: “Qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1,49b). Marija “ma qegħditx lilha nnifisha fin-nofs,
iżda ħalliet il-post lil Alla li ltaqgħet miegħu fit-talb
kif ukoll fil-qadi tal-proxxmu” (Deus Caritas Est, 41).
Il-Papa Benedittu XVI jagħmel din ir-riflessjoni fuq
il-Madonna li trid tgħinna nifhmu kif aħna wkoll
nistgħu nsiru bħal Marija, nisa u rġiel li nħobbu.
“Ċertament hija li temmen kif ukoll taħseb bil-fidi
skont il-ħsibijiet ta’ Alla u trid skont ir-rieda ta’ Alla,
hija ma tistax tkun ħlief mara li tħobb” (par. 41).
Inħallu ftit l-immaġinazzjoni tagħna timraħ u naraw l-
imħabba ta’ Marija lejn San Ġużepp u lejn Ġesù ... il-
kura, il-ħlewwa, l-attenzjoni. Naraw il-qalb tajba u
attenta ta’ Marija f’Kana meta ndunat li naqas l-inbid
– element mill-iżjed importanti f’tieġ Lhudi – u wriet
din il-ħtieġa lil Ġesù. Nilmħu din l-imħabba fil-
preżenza ta’ Marija taħt is-Salib ta’ Binha Ġesù fejn
tibqa’ hemm tħobb u tingħata sal-aħħar.
2. Mument li fih tispikka din l-imħabba hija ż-Żjara lil qariba tagħha Eliżabetta. Huwa mument
li jurina r-rabta intima li hemm bejn ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u r-relazzjoni tagħna mal-
oħrajn. San Luqa jgħidilna li hekk kif saret taf mingħand l-Anġlu Gabrijel li Eliżabetta kienet
tqila, hi “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1,39). U hemm tibqa’ “għal tliet xhur”
(1,56), li juri li kien impenn serju u twil, mhux xi ħaġa ta’ malajr. Ma kinitx sempliċement
żjara ta’ kortesija, imma xammret il-kmiem, għinet fil-fatt lil dik li kellha bżonn għajnuna u
attenzjoni partikulari.
Għeżież, dan kollu jrid jgħinna nifhmu aħjar kif aħna għandna nħobbu lill-oħrajn. L-imħabba
vera mhijiex sempliċement sentiment imma trid toħroġ u tibda mill-esperjenza tal-imħabba
ta’ Alla għalina. Alla li hu mħabba jgħallimna dejjem kif għandna nħobbu. X’inhuma l-
karatteristiċi tal-imħabba ta’ Alla? Fit-Testment il-Qadim insibu ritornell li jirritorna diversi
drabi li donnu jrid jiddeskrivilna l-imħabba ta’ Alla għalina. Insibuh l-ewwel darba fil-kuntest
tad-dnub il-kbir tal-poplu ta’ Iżrael, meta dawn bdew iqimu l-għoġol tad-deheb minflok lil
Alla wieħed. Fid-djalogu li Alla kellu ma’ Mosè, Alla deher lil Mosè u nstema’ leħen jgħid:
“Il-Mulej! Il-Mulej! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà”
(Eżod 34, 6). U l-iqsar salm tas-Salterju, is-Salm 117, li aħna nkantaw wara l-Barka
Sagramentali, il-ġnus kollha huma mistednin ifaħhru u jsebbħu lill-Mulej, “għaliex kbira hi t-
tjieba tiegħu magħna, il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem”. Ħniena, tjieba, fedeltà,
mogħdrija, maħfra: dawn kollha huma
l-marka tal-imħabba ta’ Alla għall-
bniedem, għal kull wieħed minna.
Dawn isibu l-qofol u l-milja tagħhom
f’Ġesù Msallab: Alla li huwa fidil,
twajjeb, ħanin, lest li jagħder u jħenn
sal-għotja totali tiegħu nnifsu lilna,
midinbin. Biżżejjed niftakru kemm
Alla jkun ħerqan li jilqagħna fis-
Sagrament tal-Qrar biex jagħtina l-
maħfra tiegħu u jagħtina t-tgħanniqa
kollha mħabba tal-Missier.
Imma ma nistgħux nieqfu hawn. Aħna wkoll, bħal Marija, irridu ngħixu din l-imħabba ta’
Alla mal-oħrajn, ibda min-nies li tgħix magħhom id-dar, kompli għal-kollegi tiegħek fuq il-
post tax-xogħol, u ibqa’ sejjer għall-familjari, ġirien u persuni oħra li niltaqgħu magħhom fil-
ħajja. Espressjoni li dejjem ġagħlitni naħseb u nirrifletti hija din: “Inti qrib ta’ Alla
daqskemm inti qrib tal-iktar persuna ’il bogħod minn qalbek bħalissa”. Tpoġġi sfida kbira
quddiemna, hux vera? Aħseb ftit f’dik il-persuna li tħossha ’l bogħod minn qalbek għal xi
raġuni ... daqshekk inti ’l bogħod mill-Mulej f’dan il-ħin! Hija stedina qawwija ħafna li qed
jagħmlilna l-Mulej permezz ta’ Marija biex nirrikonċiljaw ruħna ma’ xulxin, biex ma
nkomplux iċ-ċiklu ta’ vjolenza imma biex nibda jien billi naħfer, billi nersaq lejn dak li jkun,
anke jekk jien inħossni l-vittma tas-sitwazz joni. Marija tgħallimna l-umiltà u d-disponibiltà.
Kemm nistgħu nkunu ta’ skandlu għall-oħrajn jekk ngħidu li nħobbu lil Alla u nersqu lejh
biex inqimuh, imma mbagħad ma ngħixux din l-imħabba fil-konkret tal-ħajja tagħna! Kemm
tkun kerha jekk jiena nirċievi l-Ewkaristija – Alla li qiegħed jingħata għalija – u jiena ma
3. ngħixx bħala bniedem li jħobb, li lest jingħata lill-oħrajn, imma forsi nfixkel, noħloq
diffikultajiet u nipprova nkisser lil xi ħadd!
Żmien ilu xi ħadd semmieli fatt ta’ persuna li tieħu sehem fil-quddiesa kull jum u titqarben
imma mbagħad tagħmel il-ħajja mill-iżjed diffiċli għal ħaddieħor, taħtaf lil kull min titkellem
miegħu, trid li dejjem tgħaddi tagħha. Persuna bħal din kemm tagħmilha diffiċli biex tressaq
lill-oħrajn lejn Ġesù! Ma naħsibx li Marija kienet hekk, hux veru?!
U x’inhi t-tentazzjoni tagħna f’dawn il-mumenti? Li nwaħħlu fl-oħrajn! Li t-tort mhux tagħna
imma huma l-oħrajn li jagħmlulna l-ħajja diffiċli. Ovvjament, diversi drabi dan ikun minnu ...
imma mhux dejjem! Mhux l-ewwel darba u tnejn li nkun jien il-problema! U rrid inkun
sinċier u onest biżżejjed innifsi biex ninduna u nħalli l-Kelma ta’ Alla tmissni u tiffurmani
biex tagħmilni nixbaħ iżjed lil Marija, li tixbaħ b’mod sħiħ lil Ġesù. Imma anke meta l-
problema tkun il-persuna l-oħra, jien bħala dixxiplu ta’ Ġesù imsejjaħ biex nibqa’ dejjem
inħobb, biex ngħix il-valuri tal-Evanġelju f’dawn iċ-ċirkustanzi. Il-mistoqsija li tajjeb li
nagħmel lili nnifsi f’mumenti bħal dawn hija: “X’kien jagħmel Ġesù f’mument bħal dan?” U
jien nagħmel hekk ukoll bl-għajnuna tiegħu.
Nhar it-Tnejn li għadda (2 ta’ Settembru 2013), il-Papa Franġisku kellu kelma qawwija ħafna
f’dan ir-rigward li xtaqt ukoll li naqsamha magħkom. Kien qed jitkellem dwar il-mod kif
aħna nitkellmu fuq xulxin u xi kultant ntaqtqu fuq xulxin. Il-Papa qal hekk: “min, f’komunità,
jitkellem kontra ħuh jispiċċa biex ‘ikun irid
joqtlu’”. U jfakkarna f’dak li jgħidilna San
Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu (3,15) li “kull
min jobgħod lil ħuh hu qattiel”. U kompla
jgħidilna l-Papa: “aħna mdorrijin inparlaw
fuq xulxin, inpeċilqu fuq xulxin u sikwit
ndawwru il-komunitajiet tagħna u xi kultant
il-familja tagħna f’‘infern’, fejn tidher din il-
forma ta’ kriminalità li twassal biex ‘noqtlu
lil ħutna b’ilsienna’.” Tgħodd għalija din?
Għandi bżonn naħdem fuqha?
Għeżież, mhux biżżejjed li nqerruhom dawn id-dnubiet u n-nuqqasijiet. Jeħtieġ naħdmu bis-
serjetà fuqhom billi nħallu li l-Kelma ta’ Alla tbiddel lil qalbna minn qalb taż-żonqor għal
qalb tal-laħam li lesta tħobb, taħfer, tagħder, u ma tibqax marbuta ma’ affarijiet tal-passat. Il-
Beata Tereża ta’ Calcutta, li llum (5 ta’ Settembru) qed nagħmlu t-tifkira tagħha tgħidilna:
“Meta inti tiġġudika lill-oħrajn, ma jkollokx ħin tħobbhom”. Għalhekk, itfa’ l-enerġija kollha
fl-imħabba, kif kienet tagħmel Marija u kun int – kif kienet hi – li tibdel l-ambjent li fih tgħix.
Aħjar tixgħel sulfarina ċkejkna milli tisħet id-dlam li tkun fih!
Xi kultant ma jkunx jitlob wisq: tbissima, kelma ta’ kuraġġ, tisma’ b’attenzjoni lil dak li jkun,
xi għajnuna ċkejkna li ma titlobx wisq minnek, ma tgħidx kelma li taf li mhijiex frott l-
imħabba, ma tkomplix ma’ oħrajn li qegħdin ikasbru jew jitkellmu ħażin fuq ħaddieħor.
Imma drabi oħra l-imħabba titlob ħafna iktar sforz u impenn min-naħa tagħna. Tkun qed
titlob li tmut tassew għalik innifsek, għaliex tkun irċevejt xi weġgħa tassew kbira. B’mod
4. speċjali f’dawn il-mumenti rridu nduru lejn l-Ispirtu s-Santu u nħalluh idewwina hu,
jgħallimna nħobbu u naħfru, idawwar il-weġgħa tal-qalb f’talba ta’ interċessjoni.
Madre Tereża tissuġġerilna mod ieħor li nħoss li jagħmel ħafna sens: ersaq dejjem iżjed qrib
ta’ Marija Ommna, hi li għandha qalbha kollha safja, sabiħa, bla tebgħa; hi li taf tħobb tassew
kif iħobb Alla. Poġġi f’ħoġor il-Madonna dak
kollu li qiegħed itaqqlek f’dan il-mument, il-
ħsibijiet, il-preokkupazzjonijiet, il-weġgħat
tiegħek, id-dnubiet u n-nuqqasijiet tiegħek, it-
taqbid tiegħek fil-ħajja spiritwali. Hekk nibdew
naqsmu magħha r-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù
Msallab u tgħallimna nsiru nixbħuh. Imbagħad,
itlob lil Marija Ommna tisielfek ’il qalbha. San
Efrem kien qal: “Jalla l-ispirtu ta’ Marija ikun
f’kull ruħ biex tagħti glorja lill-Mulej”. B’hekk
nibdew inħobbu, naqdu, nersqu lejn l-oħrajn bil-
qalb ta’ Marija, tant mimlija imħabba u umiltà.
Min jaf x’rivoluzzjoni sseħħ jekk nippermettu li
jiġri dan!
Talba ta’ San Alfons Marija de Liguori
O Verġni bla tebgħa l-iktar qaddisa, o Omm tiegħi, Marija,
lilek li int Omm il-Mulej tiegħi,
ir-Reġina tad-dinja, l-Avukata u t-Tama tagħna,
il-Kenn tal-Midinbin,
għandek niġi jien, li jien l-iktar miskin fost ħafna.
Lilek inqim, o Sultana kbira,
u nirringrazzjak għall-grazzji kollha li tajtni s’issa,
speċjalment li teħlisni mill-infern li jien kont nistħoqq diversi drabi.
Inħobbok, o Sinjura l-iżjed ħelwa, u għall-imħabba li għandi għalik,
inwegħdek li rrid nibqa’ naqdik u nagħmel dak li nista’,
sabiex int tkun maħbuba mill-oħrajn.
Fik inqiegħed it-tamiet kollha tiegħi, saħħti kollha;
ilqagħni bħala qaddej tiegħek u daħħalni taħt il-mant tiegħek,
o Omm ħanina.
U minħabba li int tant qawwija quddiem Alla,
eħlisni minn kull tentazzjoni,
jew ikseb għalija l-qawwa li nirbaħ kull tentazzjoni sal-mewt. Ammen.